gov.met - 30 October 2012 (Informal Carers and Volunteering)
L-għodwa t-tajba,
Nirringrazzjakom tal-istedina.
Huwa dejjem pjaċir għalija li inkun fil-kumpanija ta’ nies li b’għażla tagħhom jiddeċiedu li jiddedikaw il-ħin liberu tagħhom biex iwettqu ħidma volontarja. Naħseb li għandna għal xiex inkunu grati lejn il-ħidma fis-skiet li twettqu fil-komunità tagħna, f’setturi u oqsma differenti, u ma nies differenti.
Sfortunatament ftit li xejn nagħtu każ ta din il-ħidma, forsi għax inkunu drajniha.
Nista’ ngħid li bħala Ministru għas-Saħħa niltaqa ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi, u dejjem kien evidenti s-sapport prattiku li jingħata mill-organizzazzjonijiet differenti. Għalhekk illum, quddiem rappreżentanti ta’ numru ta’ organizzazzjonijiet ma nistax ma ngħidx grazzi. Grazzi lil dawk kollha li huma involuti fil-volontarjat. Grazzi għax b’dak li qed tagħmlu qed tgħinu persuni jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Jekk toqgħod tinnota il-ħajja madwarna malajr tinduna kemm il-volontarjat għandu rwol importanti. Insibu rabta qawwija mal-kultura u l-volontarjat, imma wkoll ma’ ħidma f’setturi partikolari, bħal fil-qasam tas-saħħa u setturi oħrajn bħal per eżempju il-qasam taż-żgħażagħ.
Il-Punt hu wieħed – il-volontarjat hu importanti għal pajjiżna, u huwa daqstant importanti li aħna nirrejalizzaw kemm joħroġ ġid komuni minn eluf ta’ siegħat ta’ ħidma volontarja kuljum.
Ippermettuli hawn nenfasizza fuq żewġ punti li inħoss li huma kruċjali;
Huwa fatt li llum, f’kull settur, hawn diversi għaqdiet li jwettqu ħidma volontarja, imma professjonali, f’oqsma komuni. Is-settur tas-saħħa hu eżempju ċar. Numru ta’ għaqdiet li llum għandhom esperjenza vasta u unika f’qasam partikolari. Qed ngħid unika għax normalment l-għaqdiet joffru servizz li huwa simili imma mhux l-istess, u allura kull għaqda tiġbor fiha esperjenza unika.
Mingħajr ma ntawwal, nixtieq nappella biex isir l-aħjar użu minn din l-esperjenza. Dan jista’ jsir bi qsim ta’ informazzjoni u anke ħidma konġunta bejn għaqdiet differenti.
Naf li hawn min diġà għamel dan il-pass. Iżda naf ukoll li mhuwiex pass faċli. Irid ikun pass meqjus, u li fuq kollox li jirrispetta l-identità tal-għaqdiet involuti.
Nieħu gost ninnota li l-għan ta’ din il-konferenza hu propju li jagħti bidu, jinħoloq spazju, għal djalogu bejn l-istakeholders differenti.
It-tieni punt li nixtieq insemmi hu dwar forom ġodda ta’ volontarjat. Pajjiżna għaddha minn progress qawwi u f’daqqa. Filwaqt li meta kont żgħir, biex niftiehem ma’ sħabi ridt bilfors immur inkellimhom, illum hawn diversi mezzi biex isir dan: mobiles, emails, sms etc. Imxejna mill-ġenerazzjoni tat-telephone l-antik (minn dawk li ridt iddawwar b’subgħajk) li sa ftit żmien ilu kien hi-tech, għall-ġenerazzjoni tal-internet, smartphones, u touchscreens.
Pajjiżna inbidel, u malajr.
Fejn qabel kienet tingħata ħafna għajnuna lill-persuni li ma jafux jiktbu u jaqraw, illum dan il-bżonn naqas drastikament iżda feġġ bżonn ieħor – dak li inkunu litterati fl-informazzjoni teknoloġika.
U dan iwassalni għall-aħħar punt.
Bħali tistgħu tinnutaw il-pass mgħaġġel li biha qed tavvanza t-teknoloġija. Persuna li ma tafx tuża kompjuter, jew li ma għandhiex aċċess għall-internet, hija persuna li qegħda titlef ħafna mill-kumditajiet li t-teknoloġija toffri.
Għalhekk l-appell tiegħi hu dak li, waqt id-diskussjonijiet, tikkunsidraw anke li tadattaw il-ħidma volontarja tagħkhom għal dan il-għan ukoll.
Nirringrazzjakom tal-ħin tagħkhom, u grazzi mill-ġdid tax-xogħol li twettqu.
Nawguralkom konferenza li tagħti l-frott.
Grazzi.